Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u Aġenzija Sapport iffirmaw ftehim soċjali ta’ €4.2 miljun ma’ Dar il-Kaptan fl-Imtarfa bl-investiment, fuq medda ta’ tliet snin, jara li jissaħħaħ il-kunċett ta’ respite, biex ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità jkunu jistgħu jieħdu l-mistrieħ meħtieġ minn żmien għal żmien.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalitá tal-Ħajja, fejn qal li l-investiment se jippermetti wkoll lil Dar il-Kaptan biex tinvesti f’aktar riżorsi umani sabiex tkun tista’ tindirizza aktar id-domanda għal dan is-servizz u għalhekk ikunu mgħejuna aktar familji.

Il-€4.2 miljun ikopru kriterji bħall-ikel, akkomodazzjoni, saħħa u sigurtà, iġjene, kif ukoll attivitajiet li huma parti integrali mill-ġurnata tal-persuni b’diżabilità f’Dar il-Kaptan. 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli sostniet li bis-servizz residenzjali, fejn wieħed jista’ anke jorqod fid-dar, se jkunu milħuqa mal-200 familja, hekk kif se jkun hemm disponibbli 17-il sodda li jintużaw b’sistema ta’ referrals. 

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif is-servizz ta’ respite hu kruċjali li jissaħħaħ biex ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex jirkupraw l-enerġija tagħhom u jkomplu bil-kura ta’ uliedhom, li ħafna drabi tkun waħda dipendenti 24 siegħa kuljum.

Dar il-Kaptan toffri wkoll servizz ta’ respite matul il-jum għal tfal, żgħażagħ u adulti b’diżabilità. Dan is-servizz ta’ respite għal 15-il persuna b’diżabilità hu mfassal biex jagħti lill-persuni b’diżabilità l-ħiliet li għandhom bżonn biex jgħixu ta’ kuljum fil-komunità u b’hekk ikunu aktar indipendenti.  

Jiġu offruti wkoll attivitajiet rikreattivi u servizzi terapewtiċi. Dan is-servizz jgħin ukoll sabiex jiġu identifikati minn kmieni xi tibdiliet jew bżonnijiet ġodda li jkollha l-persuna b’diżabilità, inkluż dawk relatati mas-saħħa.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras saħqet fuq l-importanza tal-ftehim li se jkopri kemm is-servizz ta’ respite fuq bażi residenzjali, kif ukoll ieħor fuq is-servizz ta’ matul il-jum, u għalhekk hu aktar possibbli li jiġu indirizzati l-bżonnijiet partikolari taż-żewġ servizzi differenti fuq bażi individwali.

“Dan l-investiment f’servizzi ta’ respite hu importanti ferm għaliex, minbarra li jibbenefikaw il-persuni b’diżabilità, inkunu qed nagħtu wkoll sostenn lill-familjari li jiddedikaw tant ħin sabiex jieħdu ħsieb lill-persuni b’diżabilità,” qalet Sciberras.

Iċ-Chairperson ta’ Dar il-Kaptan, Martin Saliba ddeskriva l-ftehim bħala “fiduċja assoluta mill-gvern fis-servizzi ta’ respite li toffri Dar il-Kaptan.“

L-iffirmar sar mis-Segretarju Permanenti Matthew Vella f’isem il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, minn Ruth Sciberras f’isem Aġenzija Sapport u miċ-Chairperson għal Dar il-Kaptan Martin Saliba.