MESSAĠĠ MILL-AĊTING ADMINISTRATOR
Għeżież Ġenituri/ Kuraturi,
Nispera li kellkom żminijiet ta’ festi mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbkom u f’ismi, f’isem l-istaff u f’isem il-Bord tad-Diretturi nawgurallkom sena mimlija saħħa, hena u kuntentizza.
Din hija l-ewwel darba li qed niktbilkom b’mod dirett wara li fl-aħħar xhur tas-sena 2018 ingħatajt il-kariga ta’ Acting Administrator. Wieħed ma jistax jibda dan l-artiklu mingħajr ma jfakkar l-irwol li okkupa Mr Joseph Gerada ġewwa Dar il-Kaptan għal dawn l-aħħar snin. Fis-snin li ħdimt mill-qrib ma’ Joseph kelli l-opportunità nitgħallem il-filosofija li biha mexxa din id-Dar. Il-ħsieb wara l-inkarigu tas-Services Coordinator (li okkupajt jien għal iktar minn sentejn) kien li nkomplu ntejbu l-kwalità tas-servizz li ġa kien qiegħed jiġi pprovdut. Bidla oħra li seħħet din is-sena kienet il-ħatra ta’ Chairperson ġdid, Mr Martin Saliba wara li s-Sinjura Jennifer Sant temmet il-kariga tagħha ġewwa Dar il-Kaptan. Nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lil dawn iż-żewg persuni li kienu pilastri important fejn tidħol Dar il-Kaptan u t-tmexxija tagħha. Filwaqt li nifirħu lil Mr Martin Saliba għall-ħatra tiegħu.
Minkejja li dan it-tibdil kien wieħed sinifikanti xtaqt nieħu l-opportunità sabiex nserrħilkom raskom għax proprju il-ħsieb tagħna hu li nkomplu nimxu fuq il-passi ta’ dawk li kien hemm qabilna. Il-kura tal-klijent waqt li jkunu magħna, tibqa’ prijorità minkejja l-isfidi kollha li naffaċjaw ta’ kuljum. Nifhmu kemm is-servizz tar-Respite huwa importanti għalikom li tiddedikaw ħajjitkom għal uliedkom jew għal qraba tagħkom. Nammira l-perseveranza u wkoll id-dedikazzjoni kontinwa tagħkom.
Għaddew sitt xhur mill-aħħar gazzetta li ntbagħtet lil kull familja membri ta’ Dar il-Kaptan. Bħal kull sena oħra kienu xhur impenjattivi fejn kellna diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi. Bħas-sena ta’ qabel għamilna Majjalata f’Lulju li nafu li tkunu qed tistennewha bi ħġarkom, f’Diċembru organizzajna l-bejgħ tal-kejkijiet tal-Milied, Christmas logs u mince pies u ta’ min wieħed jsemmi li r-rispons tagħkom kien wieħed kbir. Bħal kull sena għamilna wkoll “Christmas appeal” fejn bgħatna kartolina f’kull dar f’Malta sabiex nawguraw il-Milied u s-Sena t-Tajba lill-familji. Minn hawn nixtieq nieħu l-okkażjoni sabiex nirringrazzja kemm lill-istaff kollu u anke l-volontiera li għenuna nitwu l-kartolini li kif tistgħu timmaġinaw jirrikjedu ħafna xogħol. Grazzi tad-donazzjonijiet tagħkom u wkoll talli tissaportjaw l-attivitajiet li jkollna matul is-sena għax dan jgħin biex nkomplu ngaħtu servizz professjonali.
Pass importanti kien li wara l-inawgurazzjoni tal-kompjuters aċċessibbli fassalna pjan biex ingħata taħriġ mill-FITA lil numru ta’ staff. Kif ukoll intgħażlet tutor li kull nhar ta’ Sibt bdiet tattendi Dar il-kaptan biex tiffaċilita sessjoni ta’ sagħtejn mal-klijenti tagħna li jixtiequ jużaw dawn l-istess kompjuters. F`dan il-perjodu, kelli l-opportunità nattendi konferenza internazzjonali ġewwa Krakow fil-Polonja fejn qsamt ma’ dawk preżenti x-xogħol imprezzabbli li qed jsir ġewwa Dar il-Kaptan. Din l-iskola stidnitna wara li xi studenti b’diżabilità intelletwali mill-istess skola għamlu esperjenza ta’ xogħol ġewwa Dar il-Kaptan u kienu sodisfatti ħafna.
Għadna kemm temmejna perjodu ta’ taħriġ tal-istaff fejn tħarrġu fil-Paediatric First Aid grazzi għal JobsPlus kif ukoll saret reviżjoni dettaljata dwar punti importanti fil-kura tal-klijenti mill-Care Officer u Senior Care Workers tagħna. Waqt li konna magħluqin saret manutenzjoni fil-kċina sabiex l-ambjent li fih jaħdmu l-koki tagħna jitjieb. Nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lil Rotary Club Malta li se jiffinanzjaw potwasher li se ttaffi parti mix-xogħol tal-koki.
Nagħlaq billi insemmi li kellna numru ta’ voluntiera minn kumpanija privata li organizzaw barbikju għall-klijenti kollha u voluntiera oħra li qed jagħtu daqqa t’id f’aspetti oħra. Din is-sena nixtieq nirringrazzja l-grupp ta’ voluntiera li għenuna bis-sħiħ fil-party tal-klijenti. Grazzi mil-qalb tal-ġenerożità tagħkom. Inżid ukoll li numru ta’ studenti li qed jagħmlu korsijiet varji għażlu Dar il-Kaptan biex jagħmlu l-prattika tagħhom.
Grazzi tal-fiduċja tagħkom.
Tislijiet,
Frida Mangion
MESSAĠĠ MILL-ISTAFF
Social Worker
PASSATEMPI:
Qari, għawm, mixi
MUŻIKA: Pink Floyd
FILMS: Kummiedji Romantiċi
L-ewwel xogħol li kelli kien wara li ġibt diploma minn l-isptar St Luke’s bħala ECG Technician u ħdimt għal sitt snin. Pero ddeċidejt li nkompli nistudja wara li rrealizzajt li xtaqt nagħti iktar ħin biex ngħin lil persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom. Gradwajt bħala social worker fl 1995 u ħdimt l-ewwel mal-aġenzija SWDP li wara ġiet imsemmija APPOĠĠ. Għamilt tlettax-il sena naħdem ma’ familji li kellhom problemi ta’ vjolenza jew abbuż ieħor.
Għal erba’ snin minnhom kont ukoll noffri superviżjoni u nikkoordina is-servizzi u b’hekk tħajjart li napplika biex immexxi Ċentru ta’ Diżabilità fl-aġenzija SAPPORT. Din kienet opportunità ta’ tagħlim u tibdil għalija u bdejt naħdem bħala leader Raħal Gdid mill-2007 sal-2009.
Wara dak iż-żmien bdejt naħseb li nerġa’ lura għas-social work li hu xogħol li fija kien qed jieħu post fil-ġenb u bdejt naħdem bħala social worker kemm fiċ-ċentri tal-Imtarfa u kemm Marsaskala.
Bdejt nagħti ftit ħin fil-ġimgħa Dar il-Kaptan minn Marzu ta’ din is-sena.
Ftit xhur ilu ingħatajt rwol ta’ Assikuranza għal Kwalità fis servizzi wkoll. F’dan ix-xogħol qed nara li jinżammu l-istandards ta’ servizzi fis-sapport u fit-titjib fil-kwalità.
Jien iżżewwiġt għoxrin sena ilu lil Jack u għandna tifla ta’ tmintax-il sena li għadha tistudja. Għandna wkoll żewgt iklieb li huma parti mill-familja tagħna.
Caroline Grech Bonnici
Kalendarju ta’ Dar il-Kaptan - Jannar sa Ġunju 2019
*18 ta’ Jannar Staff Meeting u Training
5 ta’ Jannar – Festin għall-klijenti kollha ġewwa Villa Maria
*1 ta’ Marzu Staff Meeting u Training
Xahar ta’ Marzu – Bejgħ ta’ Figolli
*12 t’April Staff Meeting u Training
*24 ta’ Mejju Staff Meeting u Training
Xahar ta’ Mejju – Open Day u Parents’ Meeting
Iktar ’il quddiem nibagħtulkom l-inviti/formoli u l- informazzjoni rigward l-attivitajiet.
*Fil-ġranet fejn hemm imniżżel Staff Meeting/Training importanti li twasslu l-klijenti wara l-11am. Napprezzaw ferm il-kooperazzjoni tagħkom.