MESSAĠĠ MILL- AMMINISTRATUR
Għeżież Ġenituri/ Kuraturi,
Bl-għajnuna t’Alla għaddew sitt xhur mill-aħħar darba li ktibtilkom. Nibda dan il-messaġġ billi nirringrazzjakom talli lqajtuni f’ din il-kommunità għaliex dan jagħtini l-enerġija biex flimkien inkomplu naħdmu għal għan wieħed, li hu li naraw il-ġid joħroġ minn Dar il- Kaptan.
Nixtieq ninfurmakom b’ numru ta’ inizjattivi li saru matul dawn l- aħħar ftit xhur , fosthom ilqajna lill-President Emeritus ta’ Malta George Vella, il- Gvernatur tar-Rotary Club Malta, lis-Sinjura Michelle Muscat f’isem il-Marigold Foundation, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-iStandards tal-Ħarsien Soċjali kif ukoll l-President u xi membri ta’ Lions Club.
F’ dawn l- aħħar xhur, kif tafu tajna spinta fl- attivitajiet/ ħarġiet li qed jiġu organizzati ġewwa Dar il-Kaptan, sabiex dawn l-attivitajiet/ ħarġiet issiru b’suċċess investejna f’ numru ta’ riżorsi li l-ħaddiema tagħna qed jużaw mal- membri tagħna waqt l-attivitajiet. Sabiex tkun taf x’qed isir ġewwa Dar il-Kaptan inħeġġiġkom sabiex iżżuru l-paġna tal-Facebook tagħna għaliex qed nagħmlu minn kollox biex b’mod frekwenti din il-paġna nżommuha ħajja.
Bħalma wħud minnkom jafu f’dan is-sajf kellna numru t’attivitajiet fejn bihom stajna niġbru ftit fondi biex inkomplu intaffu mil-ispejjeż li kellna f’ dawn l-aħħar xhur. Ta’ dan nirringrazzja lil kull min attenda u tagħna s- sapport tiegħu.
Komplejna nibagħtu l-ħaddiema tagħna għal taħriġ sabiex ikomplu jsaħħu l-ħiliet tagħhom; l-għan jibqa’ dak li nkomplu ntejbu s-servizz tagħna għall-membri. Ilqajna numru ta’ studenti kemm lokali u kemm internazzjonali li xtaqu esperjenza f’ dan is-settur u hawnhekk nirringrazzjahom tal-għajnuna tagħhom.
Komplejna nieħdu ħsieb il-bini tagħna billi għamilna numru ta’ interventi ta’ manutenzjoni li kienu jinkorporaw il-bejt u s-sistema tal-ilma, waħħalna UV protector ma’ twieqi kollha t’isfel sabiex tonqos is-sħana fil-ġranet sħan tas-sajf. Se nibdlu l-lift għaliex wasal lejn l-aħħar tiegħu. Applikajna għal permess sabiex fuq wara tad-dar ikollna store sabiex inkunu nistgħu nerfgħu xi affarijiet. Ibbenefikajna mil-iskema tal- Aġenzija tal-ilma u l-enerġija u dan sarraf f’numru ta’ friggijiet u sistemi ġodda t’arja kondizzjonata.
Fl-aħħar xhar kellna l- attività tal-Halloween Village; attività għall-komunità tal-Imtarfa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imtarfa. Il-ġnien ġie mżejjen b’tiżjin magħmul mill- membri tagħna bit-tema tal-Halloween. Fl- aħħar ġimgħat applikajna għall-kompetizzjoni flimkien mal-Wasteserve - European Week for Waste Reduction - fejn din id-darba bdilna l-ġnien f’Villaġġ tal-Milied b’dekorazzjonijiet magħmula minn affarijiet riċiklati.
Nixtieq intemm dan il- messaġġ billi nirringrazzja lill-ħaddiema ta Dar il- Kaptan flimkien mat-tim tal-amministrazzjoni li b’ kollaborazzjoni sħiħa qed isir tant ġid.
Tislijiet,
Silvan Magro
MESSAĠĠ MILL-ISTAFF
Għeżież Ġenituri/ Kuraturi,
Jiena bdejt naħdem f’Dar Il-Kaptan minn meta fetħet id-dar, 28 sena ilu. Xogħli kien bħala housekeeper. Għall-ewwel bdejna bil-klijenti li jiġu matul il-ġurnata, mbagħad wara ftit bdew jiġu klijenti għal respite.
Xogħli kien it-tindif tad-dar, il-ħasil u l-mgħoddija tal-ħwejjeg u kulma kien ikun hemm bżonn. Ħafna snin wara il-koki li kellna ma baqgħux jaħdmu Dar Il- Kaptan u għalhekk ġejt mitluba biex nidħol koka jiena. Jiena aċċettajt u issa ili diversi snin naħdem bħala koka. Illum qegħdin żewġ koki fejn xi ġranet inkunu naħdmu waħedna u xi ġranet oħra nkunu flimkien.
Ix-xogħol tagħna jikkonsisti fi preparazzjoni tal-ikel tal-ġurnata kollha fejn dejjem insajru ikel frisk u bnin. Ikollna klijenti li jkunu qed jorqdu hawnhekk allura dawn nippreparawlhom il- kollazzjon, l-ikla ta nofsinhar, xi kejk għal mat-te u l-ikla ta' filgħaxija. Dawk il-klijenti li jiġu matul il-ġurnata ntuhom it- te xħin jaslu, imbagħad jieklu mar- residenti flimkien f'nofsinhar.
Illum għandna diversi bżonnijiet ta’ dieti differenti bħal gluten free, lactose free, bla zokkor u bla melħ. Għalhekk irridu noqogħdu attenti ħafna u nippreparaw l-ikel addattat għall-klijenti kollha. Barra minn hekk ikollna wkoll klijenti li jieħdu ikel illikwidat. Parti mill-ħin tagħna nagħmluh nippreservaw il-ħaxix li jiġi mogħti lilna bħala donazzjoni u niffriżawh għal meta ma jkollniex biżżejjed. Xi wħud mill- klijenti tagħna jmorru l-iskola waqt li jkunu residenti għalhekk irridu nippreparawlhom il-lunch għall-iskola kif ukoll għal meta jkunu sejrin xi ħarġa. Fis-sajf nagħmlu l-BBQ's fil-ġnien fejn insajru u nservu l-ikel. F'ċertu żmien tas-sena jkollna ħafna tisjir biex ngħinu biex jinġabru fondi għal Dar il-Kaptan bħal, Christmas Logs u Mince Pies fi żmien il- Milied, il- Figolli u ikel ieħor għal attivitajiet diversi. Meta nkun nista’, ngħin ukoll b'mod volontarju waqt xi attività ta ġbir ta' fondi.
Il-ġranet tagħna dejjem mimlijin pero dan ix-xogħol jagħtini sodisfazzjon kbir u nagħmlu minn qalbi. Il-klijenti ta’ Dar il-Kaptan huma it-tieni familja tiegħi,
Saħħiet u tislijiet,
Katie Zahra
Kalendarju ta’ Dar il-Kaptan – JANNAR- ĠUNJU 2020
- * 14 ta’ Frar Staff Meeting
- Xahar ta’ Marzu bejgħ tal-Figolli
- * 27 ta’ Marzu Staff Meeting
- Mejju – Pasta Night at Cavett Place in Aid of Dar il-Kaptan
- * 8 ta’ Mejju Staff Meeting
- Xahar ta’ Mejju – Parents’ Meeting
- * 19 ta’ Ġunju Staff Meeting
- * 26 ta’ Ġunju Laqgha Ġenerali Annwali fis-6.00 pm
Iktar ’il quddiem nibagħtulkom l-inviti u l-informazzjoni rigward l-attivitajiet.
*Fil-ġranet fejn hemm imniżżel Staff Meeting importanti li twasslu l-klijenti wara l-11 am. Napprezzaw ferm il-kooperazzjoni tagħkom.