MESSAĠĠ MILL- AMMINISTRATUR
 
Għeżież Ġenituri/ Kuraturi,
Nittama li tinsabu tajbin,
Din hija l-ewwel darba tiegħi li qed niktbilkom hawn, wara li fl-aħħar ġimgħat ingħatajt il-kariġa ta’ Amministratur. Wieħed ma jistax jibda dan l- artiklu billi ma jirringrazzjax lis-Sinjorina Frida Mangion għall-irwol li okkupat għal dawn l-aħħar xhur.
Minkejja li għal xi uħud, jiena ġdid fi ħdan din il- Fondazzjoni pero l-għan tagħna huwa li nkomplu naħdmu flimkien propju biex inkomplu insaħħu s-servizz li qed jingħata lil dawn il- persuni li qegħdin f’ qalbna. Għalhekk aħna nifhmu li għalkemm dan is-servizz huwa għal żmien temporanju pero irrid ikun hemm kontinwità sħiħa ma’ dak li l- individwu jkun għaddej minnu.
Bħalma wħud ġa tafu bħalissa għaddejna bil- proċess tal-licenzjar; dan ma kienx proċess facli pero għamilna dak kollu possibbli sabiex ġejna liċenzjati skont il-liġi. Ħa nkunu qed nirrevedu il-programmi ta’ matul il-jum sabiex intejbu il- kwalità ta’ kura li qed noffru lill-persuni li jibbenefikaw mis-servizz.
Pass ieħor importanti li qed naħdmu fuqu huwa li l-ħaddiema tagħna kollha jiġu mħarrġa sabiex iżidu fit- taħriġ tagħhom u fl-istess waqt inkunu qed intejbu is- servizz.
Wieħed ma jistax isemmi in- numru ta’ attivitajiet li qed jiġu organizzati sabiex kemm jista’ jkun persuni li jkunu qed jibbenefikaw mis-servizzi tal- Fondazzjoni, jiġu inklużi f’attivitajiet diversi kemm ġewwa d-dar kif ukoll barra.
Nagħlaq billi nirringrazzja numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fi ħdan din il- fondazzjoni għal dak kollu possibbli li qed jagħmlu sabiex is-servizz li qed jingħata lil dawn l-individwi huwa mill-aktar professjonali sabiex il-bżonnijiet ta’ persuni li jibbenefikaw mis-servizzi tagħna jiġu milqugħa.
Tislijiet,
Silvan Magro

 

 

 

MESSAĠĠ MILL-ISTAFF
 
Occupational Therapist

Għeżież Ġenituri/ Kuraturi,
Nispera li tinsabu tajbin.
Din hija l-ewwel darba li qed niktbilkom peress li jien ħaddiema pjuttost ġdida għas-servizz ta’ Dar il-Kaptan.
F’Ġunju tal-2018 ngħatajt l-opportunità li nkun parti mill-grupp ta’ Dar il-Kaptan bħala occupational therapist. Ilni naħdem bħala occupational therapist mil-2013 fejn kelli l-opportunità naħdem f’oqsma differenti tas-saħħa fosthom fil-ġerjatrija, fis-saħħa mentali u fin-newroloġija. L-interess tiegħi huwa l-aktar fuq is-saħħa mentali fejn ilni naħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar erba’ snin. Dawn l-opportunitajiet għenuni biex inkun f’pożizzjoni aħjar biex naħdem ma’ nies b’abbiltajiet differenti. 
F’Dar il-Kaptan l-irwol tiegħi hu li kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u 12pm nagħmel sessjonijiet mar-residenti fuq il-kompjuter. F’dan il-ħin, klijenti li jixtiequ jużaw il-kompjuter ikunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ logħob edukattiv u divertenti, kif ukoll użu ta’ l-internet taħt is-superviżjoni tiegħi u tal-carers. Uħud mill-klijenti jagħmlu użu mill-kompjuter biex jisimgħu diski tal-gosti tagħhom u/jew biex ifittxu x’informazzjoni ukoll. Barra minn hekk uħud mir-residenti jiġu involuti biex jixegħlu u jitfu l-kompjuters u jiżbarazzaw qabel il-ħin tal-ikel.
Għalkemm spiss nisimgħu dwar l-iżvantaġġi li jġib il-kompjuter, dan għandu wkoll il-vantaġġi. L-użu tal-kompjuter jagħti opportunitajiet lill-persuna biex tqassam il-ħin aħjar, kif ukoll titgħallem abbiltajiet ġodda u/jew tipprattika dawk preżenti. L-abbiltajiet li wieħed jista’ jikseb permezz tal-użu tal-kompjuter huma l-koordinazzjoni bejn l-għajnejn u l-idejn, l-użu tal-muskoli z-żgħar tal-idejn u tas-swaba’ (fine motor skills), għarfien ta’ numri, ittri u kliem, kontroll fuq il-movimenti tal-id, ksib ta’ informazzjoni ġdida, titjib fl-attenzjoni u fit-tolleranza sedentarja (sitting tolerance), tqassim aħjar tal-ħin, kif ukoll titjib fil-komunikazzjoni u fil-ħiliet soċjali b’mod divertenti. Xi ħiliet soċjali jinkludu l-abbiltà li wieħed jistenna wara min imissu, kuntatt tal-għajnejn u li wieħed juża l-manjieri, fost oħrajn. F’dan il-ħin il-persuna jkollha aktar ċans biex tikkomunika miegħi, mal-carers jew ma’ residenti oħra, b’hekk tqatta’ inqas ħin weħidha u tiżdied l-interazzjoni soċjali.
Peress li kull persuna għandha ħiliet fiżiċi differenti, persuna tista’ tuża adaptive equipment biex tkun tista’ taċċessa l-kompjuter faċilment u b’iktar indipendenza. Xi adaptive equipment li jintuza jinkludi keyboards b’buttuni ikbar, b’kuluri differenti u bil-key guard; joystick minflok mouse u  l-BigMack li jintuża bħala switch li meta jingħafas jinħoloq effett fuq il-kompjuter.
Bħal kull ħaġa oħra, l-kompjuter għandu l-iżvantaġġi tiegħu li wieħed għandu joqgħod attent għalihom. Wieħed għandu jevita ħin fit-tul fuq kompjuter għax jista’ jagħmel ħsara lill-għajnejn u l-qagħda tal-ġisem, jnaqqas il-ħin mill-eżerċizzju fiżiku u jista’ jsir vizzju. B’hekk għandu jinħoloq ħin stipulat mat-tifel/tifla/adult dwar l-użu tal-kompjuter, tablet jew smartphone. Għandna nevitaw jew innaqqsu r-rutina li jingħata l-ħin fuq il-kompjuter, tablet jew smartphone biex persuna toqgħod kwieta jew biex tobdi għax jagħmel impatt negattiv fuq l-imġiba u l-karattru tal-qarib/a tagħha. L-użu tat-teknoloġija għandha ssir taħt superviżjoni speċjalment fejn jinvolvi l-użu tal-internet u persuni b’diffikultajiet intellettwali minħabba vulnerabilità. Wieħed ma jistax jeskludi cyber bullying u iżvelar ta’ dettalji personali li jista’ jintuża b’mod qarrieqi minn terzi persuni.
Nittama li sibtu dan l-għarfien utli u interessanti. Grazzi tal-fiduċja u l-ġenerożità li turu fis-servizzi ta’ Dar il-Kaptan. Ejja nkomplu naħdmu flimkien biex niżviluppaw is-servizz għal ġid tagħna u l-familjari tagħna.
Saħħiet u tislijiet,
Stacy Debono

 

 

 
 Kalendarju ta’ Dar il-Kaptan - Ġunju sa Diċembru 2019

• *5 ta’ Lulju – Staff Meeting u Training
• *16 t’ Awwissu Staff Meeting u Training
• 30 t’ Awwissu – Majjalata
• *27 ta’ Settembru Staff Meeting u Training
• Xahar ta’ Settembru – Parents’ Meeting
• Xahar ta’ Settembru/ Ottubru – Open Day
• *8 ta’ Novembru Staff Meeting u Training
• Xahar ta’ Dicembru – bejgħ ta’ Christmas logs, mince pies u kejkijiet tal-Milied
• Mit-Tnejn 23 ta’ Diċembru, 2019 sal-Ħamis 26 ta’ Diċembru, 2019, Dar il-Kaptan ser tkun magħluqa. Nerġgħu niftħu l-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru 2019.
• Mil-Erbgħa 1 ta’ Jannar, 2020 sat-Tnejn 6 ta’ Jannar 2020, Dar il-Kaptan se tkun magħluqa minħabba Staff Training. Nerġgħu niftħu t-Tlieta 7 ta’ Jannar 2020.
•  L-aħħar ġurnata tad-Day Programme se tkun fi 19 ta’ Diċembru, 2019 u jerġa’ jibda nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar, 2020

Iktar ’il quddiem nibagħtulkom l-inviti/formoli u l- informazzjoni rigward  l-attivitajiet.

*Fil-ġranet fejn hemm imniżżel “Staff Meeting/Training”  importanti li twasslu l-klijenti wara l-11am. Napprezzaw ferm il-kooperazzjoni tagħkom.