Dar il-Kaptan illum-il ġurnata hu isem stabbilit għas-servizzi mill-aqwa offruti lil persuni ta’ diżabbiltà. Iżda l-ħidma biex waslet s’hawn xejn ma kienet faċli.

Kif jispjega Peter Farrugia, li sa mill-bidu uża dawn is-servizzi għal bintu, kienet hemm ukoll il-kwistjoni tal-mentalità li wieħed ried jegħleb.

Bint Peter, li se tagħlaq 42 sena, għandha bżonn għajnuna u attenzjoni kontinwa hekk kif il-kundizzjoni tagħha llimitat il-moħħ tagħha daqs li kieku mohh ta’ tarbija ta’ sena.

Li kieku ma kienx għal Dar il-Kaptan u s-servizz ta’ respite offrut minnha, hu u familtu fost l-oħrajn qatt ma setgħu joħorġu jew isiefru … xi ħaġa ferm importanti għal familji li għaddejjin minn esperjenzi simili biex huma wkoll jistrieħu xi ftit.0

Grat għall-għajnuna li rċieva matul is-snin, Peter għażel li hu wkoll illum-il ġurnata jagħti daqqa t’id tant li ilu għall-aħħar sena u nofs iservi fuq il-Bord ta’ din id-dar.

It-Tlieta, il-President ta’ Malta George Vella ngħaqad ma’ lista twila ta’ personalitajiet u mexxejja politici li matul is-snin żaru din id-dar. Hu seta’ japprezza l-ħidma li ssir f’din id-dar u l-importanza tas-servizzi offruti.