Impressjonat bid-dedikazzjoni u l-kura speċjalizzata li qegħdin tagħtu. Dan kien kliem il-President George Vella waqt l-ewwel żjara tiegħu bħala Kap ta’ Stat f’Dar il-Kaptan fl-Imtarfa.

Dar il-Kaptan toffri servizz ta’ respite għal persuni b’diżabilità grazzi għal ftehim ta’ servizz mal-Gvern. Ftehim li għal darb’oħra se jiġi estiż biex id-dar tkun tista’ toffri l-aħjar servizz lir-residenti, kif spjega iċ-Chairman tal-Bord tad-Diretturi, Martin Saliba.

“Huwa sostenn għaliex il-Gvern qed jixtri s-servizzi minn għandna, aħna għandna dħul regolari b’hekk u fiss li ġej mill-Gvern u mis-servizz li qed noffru. L-aħħar service agreement ġie ffirmat fl-2018 u kien tiġdid ta’ dak li sar fl-2015.”

In-nefqa annwali ta’ Dar il-Kaptan tlaħħaq is-sebgħa mija u ħamsin elf ewro, li minnhom, ħames mitt elf jingħataw lit-tmexxija tad-dar mill-Gvern grazzi għal dan il-ftehim.

B’hekk, id-dar tkun tista’ tkompli toffri l-aqwa kura u servizzi lir-residenti tagħha, filwaqt li tassigura wkoll l-impjieg tal-ħaddiema tagħha, li preżentament, jaqbżu l-erbgħin.

Martin Saliba qal: “Il-Gvern jixtri servizz ta’ 17-il sodda bħala servizz ta’ respite. Għandna 15-il persuna juża s-servizz ta’ day care, fejn persuni b’diżabilità jingħataw servizz ta’ day programme għal erbat ijiem fil-ġimgħa.”

B’kollox, Dar il-Kaptan bħalissa qed toffri sostenn lil 220 persuna u qraba tagħhom, kemm dawk li ħadu residenza temporanja fid-dar u kemm dawk li qed jieħdu servizz ta’ day centre.

Mas-Sur Saliba tkellimna waqt l-ewwel żjara tal-President George Vella fid-Dar. Il-President Vella qal li huwa impressjonat bid-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-kura li dawn joffru lir-residenti. Huwa awgura li t-tmexxija tad-dar tkompli ssib is-sostenn finanzjarju u umanitarju li għandha bżonn biex tkompli tagħti servizz lill-komunità.